Erasmus

Government Of Malta Fondi.eu Erasmus+ Co-funded by the European Union

L-Erasmus+ fl-Iskola Sta Monika tal-Gżira

L-Erasmus+ huwa programm eċitanti ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea li jagħti ċans lill-istudenti u lill-għalliema biex jitgħallmu, jivvjaġġaw u jibnu relazzjonijiet ma’ persuni oħrajn madwar l-Ewropa. Permezz ta’ proġetti, skambji, u kollaborazzjonijiet varji, aħna nesploraw kulturi ġodda, naqsmu l-ideat flimkien u nirċievu ħiliet ġodda li jippreparawna għall-futur qarib. Fl-Iskola Sta Monika, l-Erasmus + jiftaħ triq għal avventura, tagħlim u ħbiberiji ġodda – ilkoll isiru f’ambjent fejn l-edukazzjoni ssir aktar kreattiva u ta’ ispirazzjoni.

Ann-Fleur Buttigieg u Maria Formosa Galea

L-Esperjenza tagħna tal-Erasmus + ġewwa Barċellona - Data: Settembru, 2025

Matul l-ewwel ġimgħa ta’ Settembru tal-2025, ivvjaġġajna lejn Barċellona biex nattendu l-kors Skejjel Ferħana: Edukazzjoni Pożittiva għall-Benessri u l-Iżvilupp tal-Ħiliet tal-Ħajja ġewwa l-Akkademja tal-Għalliema tal-EuroPass. Bis-saħħa tal-finanzjament tal-Erasmus+, dan ma kienx biss kors – kienet avventura unika!

Dħalna fil-fond tal-Psikoloġija Pożittiva u l-Mudell PERMA tal-Benessri, li hija taqsira Ingliża għall-kunċetti tal-Emozzjoni Pożittiva, l-Impenn, ir-Relazzjonijiet, it-Tifsira u l-Kisba [Positive Emotion, Engagement, Relationships, Meaning, and Accomplishment], fejn esplorajna kif inġibu aktar pożittività u mindfulness kemm fit-tagħlim kif ukoll fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Minn nifs u meditazzjoni konxji għal ikel konxju (iva, anke ċ-ċikkulata kellha togħma aħjar!), skoprejna prattiċi sempliċi li għenuna nikkalmaw ir-rittmu mgħaġġel tagħna, napprezzaw mumenti żgħar, u nsibu l-paċi fil-ħajja ta’ kuljum. L-aktar lezzjoni qawwija? Li l-hena tinstab madwarna.

L-enerġija ta’ min ħarriġna, Marta, għamlet kull sessjoni ta’ ispirazzjoni, u l-kollaborazzjoni ma’ edukaturi mill-Iżvezja u l-Italja tejbet il-fehim tagħna dwar kif jaħdmu s-sistemi edukattivi differenti madwar l-Ewropa. L-iktar ħaġa speċjali fil-kors kien il-mument meta ħadna l-klassi ’l barra – billi prattikajna l-mindfulness fi Gràcia, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti tal-Katalonja, u fil-bażi tal-Università ta’ Barċellona. Dawn il-mumenti għamlu t-tagħlim esperjenza verament ħajja.

Naturalment, il-belt ta’ Barċellona wkoll kienet fil-ħsieb tagħna. Fil-ħin liberu tagħna, esplorajna l-Poble Espanyol, il-Park Tibidabo bil-Bażilika maestuża tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Mużew tax-Xema’, it-Torri Glòries, is-suq, l-famuża La Rambla. Tlajna fuq il-cable car ta’ Montjuïc biex inżuru l-kastell, għamilna vjaġġ lejn Montserrat, vjaġġajna fil-port ta’ Las Golondrinas, u qattjna l-iljieli tagħna nimxu max-xatt, nieklu ikel tajjeb, u nixorbu l-cocktails u s-sagrias.

Ann-Fleur Buttigieg u Maria Formosa Galea
_______


Ann-Fleur Buttigieg u Maria Formosa Galea

Lucienne Lughermo u Edel Ferry

L-Esperjenza tal-Erasmus+: Nintegraw l-IA u l-Ħsieb Kristiku fil-Klassi, ġewwa Dublin - Dati: 25-30 ta’ Awwissu, 2025

Mill-25 sat-30 ta’ Awwissu 2025, kellna l-privileġġ li nipparteċipaw fil-programm Nintegraw l-IA u l-Ħsieb Kritiku fil-Klassi, iffinanzjat kompletament mill-Erasmus+, ġewwa l-Akkademja tal-Għalliema tal-Europass f’Dublin, l-Irlanda. Il-kors kien iddisnjat b’mod professjonali biex jarma lill-edukaturi bl-għarfien u l-ħiliet li għandhom bżonn biex jirnexxu f’dinja mmexxija mill-Intelliġenza Artifiċjali, filwaqt li jagħtihom iċ-ċans jużaw għodod moderni tal-IA b’mod responsabbli u kreattiv biex jitjieb it-tagħlim.

Tema ċentrali tat-taħriġ kienet l-immaġinazzjoni mill-ġdid tad-dejta u r-riżorsi edukattivi. Ġejna mħeġġa nimxu lil hinn minn materjali statiċi bħall-karti tat-taħriġ u l-preżentazzjonijiet, u minflok nersqu iżjed lejn trasformazzjoni tal-informazzjoni f’esperjenzi ta’ tagħlim dinamiku u interattiv. Taħt il-gwida ta’ min ħarriġna, is-Sur Tomasz Laskowski, tgħallimna kif nużaw għodod tal-IA, bħal Gemini u ChatGPT, biex niddisinjaw u nippersonalizzaw applikazzjonijiet fuq l-HTML web. Dawn l-applikazzjonijiet jistgħu jikkonvertu karta tat-taħriġ sempliċi f’attività bbażata fuq logħob sabiħ li jkejjel il-fehim tal-istudenti f’ħin reali. Għodod bħal dawn mhux biss japprofondixxu l-involviment fil-klassi iżda wkoll itejbu x-xogħol għad-dar u t-tagħlim indipendenti. 

Il-kors enfasizza wkoll l-applikazzjonijiet usa’ tal-IA għall-edukazzjoni. Esplorajna strateġiji għall-personalizzazzjoni tat-tagħlim, l-identifikazzjoni ta’ studenti li jeħtieġu appoġġ addizzjonali, l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ tagħlim intelliġenti, u l-awtomatizzazzjoni ta’ xogħlijiet amministrattivi li jieħdu ħafna ħin, bħall-immarkar u l-iggradar. It-taħriġ enfasizza r-rwol importanti tal-ħsieb kritiku meta tiġi integrata l-IA, filwaqt li żgura l-bżonn kruċjali li t-teknoloġija tikkumplimenta t-tagħlim u mhux tissostitwixxi l-kompetenza u l-kreattività tal-għalliema.

Flimkien ma’ dan, kien importanti wkoll l-ambjent kollaborattiv u internazzjonali tal-programm Erasmus+. Il-qsim ta’ għarfien ma’ kollegi minn madwar l-Ewropa rawwem djalogu professjonali sinifikanti, wessa’ l-perspettiva tagħna dwar sistemi edukattivi differenti, u ħoloq networks dejjiema. L-immersjoni kulturali f’Dublin kompliet tistagħna l-esperjenza tagħna filwaqt li tatna ċ-ċans ngawdu l-wirt rikk u l-ospitalità li toffri l-Irlanda f’relazzjoni mat-tagħlim akkademiku.

B’mod ġenerali, din il-ġimgħa kienet sodisfaċenti, kemm professjonalment kif ukoll personalment. Irritornajna lura mill-programm aktar kunfidenti fil-ħila tagħna li nisfruttaw l-IA għal tagħlim innovattiv, għas-suċċess tal-istudenti, u għat-tnaqqis fil-kwantità fix-xogħol. Nirrakkomandaw b’saħħa l-esperjenza tal-Erasmus+ lill-edukaturi sħabna għaliex din tista’ toffrilhom żvilupp professjonali avvanzat kif ukoll opportunità li jwessgħu l-orrizonti tagħhom, jibnu relazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li jġibu lura l-iskola entużjażmu mġedded u strateġiji aġġornati.

Lucienne Lughermo u Edel Ferry
_______


Lucienne Lughermo u Edel Ferry

Carmen Xuereb, Claire Caruana u Sarah Darmenia

It-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ICT) u t-Tagħlim fuq Barra Post: L-Akkademja tal-Għalliema tal-Europass, Nizza, Franza - Dati: 3-10 ta’ Awwissu, 2025

Il-kors li għamilna riċentament kien vjaġġ ta’ ispirazzjoni fid-dinja tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ICT) u l-Intelliġenza Artifiċjali (IA), li fih esplorajna kif dawn l-għodod b’saħħithom jistgħu jiġu minsuġa bla xkiel fit-tagħlim fil-klassi kif ukoll f’attivitajiet fil-beraħ lil hinn minnha. Iffinanzjata kompletament mill-Erasmus+, din l-opportunità tatna ċ-ċans niżviluppaw ħiliet prattiċi u niskambjaw ideat ma’ edukaturi diversi minn madwar id-dinja.

Immexxija it-tutur imħarreġ tagħna, Andrei Ceban, is-sessjonijiet laħqu l-bilanċ perfett bejn il-pedagoġija u l-ħila prattika. L-għarfien espert, l-entużjażmu u t-twassil ta’ Andrei żamm ukoll – mill-bidu sal-aħħar – lil dawk li ma kinux esperti fit-teknoloġija.

Esplorajna firxa wiesgħa ta’ programmi diġitali u għodod tal-IA ddisinjati biex jappoġġjaw l-ippjanar tal-lezzjonijiet u t-tħejjija tal-attivitajiet. Dawn ir-riżorsi mhux biss jikkreaw tagħlim aktar dinamiku u interattiv, iżda jgħinu wkoll biex jaqdu diversità sħiħa ta’ stili ta’ tagħlim, etajiet u prinċipji tad-Disinn Universali għat-Tagħlim (Universal Design for Learning) (UDL).

Wieħed mill-iktar punti importanti tal-kors kien l-iskoperta ta’ kif il-fotografija u l-vidjo jistgħu jgħinu fit-tagħlim meta jinteraġixxu mat-teknoloġija. Tgħallimna kif it-tfal jistgħu jibdew b’ritratt wieħed – jibdluh f’kaċċa għat-teżor, preżentazzjonijiet interattivi, stampi animati jew saħansitra vidjows qosra – bl-użu ta’ għodod tat-Teknoloġija tal-Infomazzjoni (ICT) aċċessibbli biex jilħqu l-objettivi tal-lezzjoni. Dawn l-attivitajiet joħolqu tagħlim interessanti filwaqt li jħeġġu l-kreattività, il-ħsieb kritiku u l-kollaborazzjoni.

Bl-istess mod eċitanti, kien iċ-ċans li niltaqgħu ma’ parteċipanti mill-Ungerija, il-Latvija, il-Polonja u Spanja. Qsamna esperjenzi differenti, qabbilna metodi differenti tat-tagħlim, ksibna perspettivi ġodda u ideat prattiċi għall-prattika – kienet kollha prova waħda li l-kollaborazzjoni ma tafx b’fruntieri.

Carmen Xuereb, Claire Caruana u Sarah Darmenia
_______


 

Carmen Xuereb, Claire Caruana u Sarah Darmenia

Ruth Scicluna u Sharlie Laferla

L-Esperjenza tagħna tal-Erasmus+ – Għodod tal-Intelliġenza Artifiċjali għall-Għalliema tal-Lingwi - Data: Lulju, 2025

F’Lulju, ipparteċipajna fil-kors tal-Akkademja tal-Għalliema tal-Europass dwar l-Għodod tal-Intelliġenza Artifiċjali għall-Għalliema tal-Lingwi, li sar ġewwa Valencia. Il-kors kien iffinanzjat kompletament mill-Erasmus+.

Il-programm provda taħriġ komprensiv dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fl-edukazzjoni, b’enfasi fuq iż-żamma ta’ approċċ iċċentrat fuq l-istudent bl-integrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi.

Il-kors introduċa varjetà ta’ għodod, inklużi Quizzez, Magic School u Canva, bl-iskop li jappoġġjaw lill-għalliema fit-tħejjija ta’ materjali ta’ istruzzjoni u attivitajiet ta’ valutazzjoni. Minbarra t-taħriġ tekniku, il-program indirizza wkoll konsiderazzjonijiet pedagoġiċi billi enfasizza kif għandhom jiġu introdotti riżorsi bbażati fuq l-IA, bħal ChatGPT u Gemini, b’mod responsabbli u etiku. Ingħatat importanza lill-iżvilupp tal-ħiliet tal-ħsieb kritiku tal-istudenti, u l-evalwazzjoni tal-informazzjoni ġġenerata mill-IA u l-applikazzjoni xieraq tagħha fil-kuntesti akkademiċi u professjonali.

L-esperjenza saret isbaħ permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ għalliema varji minn diversi pajjiżi Ewropej, inklużi l-Italja, il-Portugall, il-Polonja u l-Martinique Franċiża. Diskussjonijiet ma’ kollegi internazzjonali pprovdew għarfien siewi dwar prattiċi u kuntesti edukattivi diversi.

Lil hinn mid-dimensjoni akkademika, il-kors offra l-opportunità biex nesperjenzaw il-wirt kulturali ta’ Valencia. Iċ-ċentru storiku tal-belt, flimkien mal-atmosfera vibranti u d-diversità kulinari tagħha, ikkontribwew għal esperjenza ta’ tagħlim olistiku u memorabbli.

Ġeneralment, il-parteċipazzjoni f’dan il-kors tejbet b’mod sinifikanti l-kompetenza professjonali tagħna fl-użu tal-għodod tal-IA fl-edukazzjoni, filwaqt li rawwem ukoll skambju internazzjonali u ġid kulturali.

Ruth Scicluna u Sharlie Laferla 
_______

Ruth Scicluna u Sharlie Laferla

Anna Bartolo Gauci, Geraldine Meilak u Sarah Jane Perini

L-Esperjenza tal-Kors 7Cs tal-Erasmus+ – Budapest, l-Ungerija

Mit-30 ta’ Ġunju sal-5 ta’ Lulju, aħna – Anna Bartolo Gauci, Geraldine Meilak u Sarah Jane Perini – kellna l-opportunità li nattendu l-kors ta’ taħriġ 7Cs għall-Istudenti tas-Seklu 21 li sar ġewwa Budapest, l-Ungerija. Dan il-kors kien iffinanzjat kompletament mill-Erasmus+.

Il-kors esplora seba’ ħiliet personali li huma essenzjali għall-istudenti tal-lum: Il-Ħsieb Kritiku, il-Kreattività, il-Kollaborazzjoni, il-Komunikazzjoni, il-Litteriżmu tal-Kompjuters u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ICT), il-Fehim Interkulturali, u l-Awtonomija fil-Karriera u fit-Tagħlim. Matul dawn il-ħamest ijiem intensivi, ħadna sehem f’sessjonijiet ta’ teorija, diskussjonijiet fi gruppi, u attivitajiet prattiċi mfassal apposta biex jgħinu fl-integrazzjoni ta’ dawn il-ħiliet fil-prattika tal-klassi.

Mhux biss tgħallimna strateġiji u attivitajiet ġodda biex ninvolvu aktar lill-istudenti tagħna, iżda kellna ċ-ċans niskambjaw ideat varji ma’ bosta edukaturi minn pajjiżi bi sfondi differenti. Il-fatt li smajna dwar l-isfidi li jiffaċċjaw sistemi edukattivi oħra barranin għenna napprezzaw il-progress li qed isir fl-iskejjel tagħna stess, filwaqt li ispirana biex nibqgħu mexjin ’il quddiem.

Lil hinn mill-benefiċċji akkademiċi, l-esperjenza kienet soċjalment u kulturalment rikka – mill-qsim ta’ perspettivi ma’ parteċipanti sħabna sal-immersjoni tagħna fis-sbuħija u l-istorja ta’ Budapest. Filwaqt li l-kors kellu rittmu mgħaġġel, żammna motivati u ħerqana biex nimplimentaw dak li tgħallimna.

Lil sħabna l-edukaturi, nirrakomandawlhom ħafna l-opportunitajiet li joffri l-Erasmus+. Esperjenzi bħal dawn jipprovdu tkabbir professjonali siewi, iwessgħu l-orizzonti, u jrawmu relazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-fruntieri – b’dan kollu, fuq kollox, jibbenefikaw l-istudenti tagħna.

Anna Bartolo Gauci, Geraldine Meilak u Sarah Jane Perini
_______


Anna Bartolo Gauci, Geraldine Meilak u Sarah Jane Perini

Maris Sant

Nippromwovu l-Benesseri u s-Saħħa Mentali tal-Istudenti fl-Iskejjel (Bolonja, l-Italja)

Il-kors tal-Erasmus+ li attendejt f’Settembru li għadda kien jismu Nippromwovu l-Benesseri u s-Saħħa Mentali tal-Istudenti fl-Iskejjel. F’dan il-kors iddiskutejna suġġetti li huma rilevanti ħafna għar-rwol tiegħi fl-iskola, bħall-importanza tas-saħħa mentali tal-istudenti sabiex ikunu jistgħu jiffunzjonaw sew fl-ambjent tal-klassi, kif ukoll il-metodi li għandha tħaddem l-iskola kollha biex dan il-għan jintlaħaq.

Iddiskutejna x’jistgħu jkunu l-fatturi ta’ riskju llum għas-saħħa mentali tal-istudenti tagħna, bħall-bullying, il-bullying ċibernetiku, il-Covid u l-gwerer, u liema huma l-fatturi li jistgħu jipproteġuhom minnhom. L-importanza tal-għarfien personali u l-intelliġenza emozzjonali fl-għalliema u l-istudenti ġiet enfasizzata wkoll, b’referenza għall-Ħames Pilastri tal-Intelliġenza Emozzjonali ta’ Coleman. Ipparteċipajna wkoll f’diversi attivitajiet, bħall-Attività tal-Mappa tal-Għarfien, l-Attività tal-Awtokontroll, ir-Rota tal-Emozzjonijiet, il-Mappa tal-Valuri, l-Attività tas-Siġġu, u l-Gazzetta tal-Ottimiżmu/Gratitudni, fost l-oħrajn.

Iddiskutejna l-Approċċ tal-Għan SMART biex dak li jkun jimmotiva lilu nnifsu filwaqt li jilħaq l-għanijiet tiegħu. Trattajna wkoll l-importanza tal-empatija għall-kuntrarju tas-simpatija. Kien hemm ukoll diversi suġġetti rilevanti bħall-mindfulness, l-identità, il-valuri, ir-reżiljenza u l-istrateġiji konjittivi u ta’ mġiba biex wieħed jegħleb l-istress – kollha suġġetti li tawni ħafna x’naħseb. B’mod ġenerali, it-taħriġ tal-Erasmus+ kienet esperjenza rikka ħafna.

Maris Sant
_______

Maris Sant

Michela, Rachel, Clara u Anna

L-Esperjenza tagħna tal-Erasmus f’Dublin, l-Irlanda – Yoga u Meditazzjoni għall-Edukaturi

Dan l-aħħar kellna l-opportunità sabiħa li nipparteċipaw fi programm, iffinanzjat kompletament, tal-Erasmus+ f’Dublin, l-Irlanda. Dan il-programm kien jismu Yoga u Meditazzjoni għall-Edukaturi: Li tkun Għalliem tajjeb, li tkun fl-Aqwa Tiegħek. Kien vjaġġ memorabbli li fih kbirna personalmet, żviluppajna professjonalment u ħloqna relazzjonijiet profondi ma’ parteċipanti oħra madwar l-Ewropa.

Il-kors iffoka fuq l-użu tal-yoga u l-meditazzjoni bħala għodod għat-tnaqqis tal-istress, it-tkabbir tar-rilassament u l-benesseri inġenerali – kollha aspetti fundamentali għall-edukaturi li ta’ spiss jiffaċċjaw livelli għoljin ta’ stress fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Grazzi għall-gwida tajba tal-għalliema tagħna, Amy O’Brien u Susan Ní Dhubhlaoich, esplorajna prattiċi differenti li għenuna nibnu relazzjoni mal-persuna interna tagħna u nsibu bilanċ, mhux biss bħala għalliema, imma bħala individwi.

Amy u Susan kienu aktar minn għalliema; kienu ta’ gwida li ħolqu ambjent ta’ appoġġ kontinwu u ta’ trawwim. Permezz tal-gwida tagħhom, tgħallimna kif ninkorporaw mindfulness, tekniki tan-nifs, u prattiċi fiżiċi tal-yoga fir-rutini ta’ kuljum tagħna. Dawn il-prattiċi, mhux biss għenuna nnaqqsu l-istess, iżda kabbrulna l-għarfien tagħna waqt li tawna għodod utli biex inkunu aktar preżenti u attenti fil-klassi.

Il-laqgħa ma’ nies oħra mill-Ġermanja u s-Slovenja żiedet saff ieħor ta’ rikkezza fl-esperjenza tagħna. Il-fatt li stajna naqsmu l-perspettivi, l-esperjenzi u l-isfidi tagħna ma’ edukaturi oħra minn madwar pajjiżi differenti biddel l-esperjenza ta’ tagħlim tagħna għal waħda iżjed sinifikanti.

L-aktar tagħlima profonda li ħadna magħna kienet il-bidla fil-mod kif għandna nħarsu lejn il-ħajja. Is-sempliċità tal-prattiċi li tgħallimna għenitna napprezzaw iżjed il-mumenti ż-żgħar u s-sbuħija li għandna madwarna. Kienet esperjenza li għallmitna ntaffu r-rittmu ta’ ħajjitna, nieħdu nifs tajjeb u nsibu l-paċi fil-ħajja ta’ kuljum.

Din l-esperjenza biddlitilna ħajjitna, u nirrakkomandawha lill-oħrajn biex bħalna japplikaw għal programmi simili tal-Erasmus+. Il-ħiliet li ksibna u r-relazzjonijiet li għamilna minn din l-esperjenza se jkomplu jarrikkixxu ħajjitna, personalment u professjonalment.

Michela Flint, Rachel Bonett, Clara Zammit Cilia u Anna Aquilina
_______

Michela, Rachel, Clara u Anna

Abigail u Elizabeth

L-Immaniġġjar tal-Istress u l-Kunflitt ġewwa Bolonja, l-Italja

Dan l-aħħar attendejna kors, iffinanzjat kompletament, tal-Erasmus+ li jismu L-Immaniġġjar tal-Istress u l-Kunflitt: It-Triq lejn ir-Reżiljenza f’Bolonja, l-Italja.

Permezz ta’ dan il-kors ksibna għarfien importanti dwar l-istress u ddiskutejna n-natura tal-istress u l-kuntrast bejn l-ewstress, li huwa forma motivanti ta’ stress u, d-dwejjaq, li ħafna drabi jfixklu il-produttività. Irriflettejna dwar kif l-istress jimmanifesta ruħu fil-ħajja professjonali tagħna filwaqt li kabbarna l-għarfien li għandna dwar il-modi kif l-istress jista’ jaffettwa l-ambjent tat-tagħlim.

Xi drabi, jista’ jkun hemm perċezzjoni ta’ stress. Iżda meta wieħed jipprova jikkwantifika l-istress u jidentifika x’qiegħed jikkawża l-istress, ħafna drabi nsibu li l-livell ta’ stress mhuwiex daqshekk għoli kif kien maħsub fil-bidu. Ġejna introdotti għal diversi strateġiji konjittivi u ta’ mġiba għall-immaniġġjar ta’ sitwazzjonijiet stressanti. Kien hemm enfasi għat-tfassil mill-ġdid ta’ ħsibijiet negattivi u l-iżvilupp ta’ tekniċi prattiċi għall-immaniġġjar tal-ħin.

Aspett kruċjali ieħor tal-kors iffoka fuq l-intelliġenza emozzjonali. Semmejna fil-fond l-importanza tal-empatija u l-għarfien personali bħala komponenti essenzjali fl-immaniġġjar tal-istess. Tgħallimna kif meta tkun emozzjonalment sintonizzat miegħek innifsek u ma’ ħaddieħor jista’ jwassal għal interazzjonijiet aktar armonjużi waqt li jnaqqas il-livelli ta’ stress.

Ġie indirizzat is-suġġett tal-kunflitt u ġiet sfidata l-perċezzjoni komuni tiegħu bħala fenomenu purament negattiv. Skoprejna kif il-kunflitti, meta jkunu indirizzati b’mod kostruttiv, jistgħu jkunu opportunitajiet għat-tkabbir u komunikazzjoni aħjar.

Ħadna sehem f’logħob li jgħin inaqqas l-istress u prattiċi oħra ta’ mindfulness. Dawn it-tekniċi offrew modi prattiċi biex nimmaniġġjaw l-istress u żguraw li nkunu nistgħu nimplimentaw dak li tgħallimna fl-ambjent professjonali tagħna.

Il-parteċipanti l-oħra tal-kors kienu mill-Finlandja u l-Iżlanda, edukaturi li jaħdmu f’ambjenti edukattivi differenti li jvarjaw minn ċentri ta’ tagħlim għall-adulti sa universitajiet. Kien grupp varjat li kkontribwixxa b’mod vast u b’mod interessanti.

Kellna wkoll ħin nesploraw il-belt sabiħa ta’ Bolonja u xi bliet oħra tal-madwar. Kienet esperjenza soċjokulturali u edukattiva tajba u ta’ benefiċċju għalina l-edukaturi fix-xenarju edukattiv, mgħaġġel, ta’ kuljum. Opportunitajiet bħal dawn huma esperjenzi rikki li nirrakkomandawhom lill-edukaturi kollha.

Abigail and Elizabeth
_______

Abigail u Elizabeth

Tiziana Dalli Farrugia

Nappoġġjaw id-Diversità permezz ta’ Edukazzjoni Interkulturali fil-Klassi ġewwa Istanbul, it-Turkija

F’Settembru li għadda kelli l-privileġġ nieħu sehem fil-kors tal-Europass Teacher Academy, intitolat Nappoġġjaw id-Diversità permezz ta’ Edukazzjoni Interkulturali li sar f’Istanbul, it-Turkija. Din kienet opportunità unika li għenitni nirrealizza kemm esperjenza għal rasi bħal din kellha tgħinni nibdel il-perspettivi tiegħi filwaqt li ffurmatni f’persuna aktar indipendenti u responsabbli.

Li tagħmel ħbieb ma’ persuni minn madwar id-dinja hija speċjali għax hija esperjenza li fiha taqsam ideat, għarfien u esperjenzi personali ma’ nies b’kulturi, tradizzjonijiet u twemmin differenti. Fid-dinja tal-lum huwa essenzjali li nħaddnu d-diversitajiet u nistinkaw biex nitgħallmu minn xulxin. Meta nagħmlu dan, nesperjenzaw ilkoll żvilupp personali. Għalhekk, inħossni pprivileġġjata li ksibt tant memorji sbieħ ma’ nies minn madwar id-dinja, fosthom mis-Slovenja, il-Ġermanja, ir-Rumanija u l-Greċja. Lil dawn, illum, inqishom ħbieb.

Il-kors ta’ taħriġ kien informattiv ħafna, bl-għalliema tagħna, is-Sa Cynthia, ippreparata tajjeb ħafna biex twassal kors ta’ kwalità għolja. Kien kors li jinkludi ħin biex naqsmu l-esperjenzi u l-ideat tagħna dwar is-suġġetti diskussi. Barra minn hekk, il-kors kien jinkludi diversi attivitajiet prattiċi u divertenti, b’ħafna opportunitajiet ta’ tagħlim, inkluż it-tfassil ta’ posters u kaċċa għat-teżor fi Triq Istikal, waħda mill-aktar toroq traffikużi u famużi ġewwa Istanbul.

Matul il-kors, qsamna diversi diskussjonijiet sbieħ dwar kif nippromwovu l-inklużjoni u nikkunsidraw il-ħafna diversitajiet li nsibu fil-klassijiet tal-lum. Iddiskutejna teoriji relatati mad-diversitajiet, inkluż It-Teorija tal-Iceberg, Ir-Rota tad-Diversità u L-Proċess tal-Inklużjoni, fost l-oħrajn. Barra minn hekk, semmejna l-importanza li nuru empatija u kif inkunu konxji tal-benesseri emozzjonali tal-istudent. Ir-rwol tal-għalliem imur lil hinn mill-akkademiku u huwa importanti li dak li jkun jifli lill-istudenti sabiex jiżgura l-benesseri ġenerali tagħhom kemm fl-iskola kif ukoll id-dar.

Fl-aħħar nett, nixtieq nirringrazzja b’mod sinċier lil kull min inkoraġġieni nagħmel din l-esperjenza edukattiva sabiħa li pprovdiet għalija ħafna tkabbir personali. Nieħu l-opportunità biex ninkoraġġixxi lil ħaddieħor jagħmel bħali għalih innifsu.

Tiziana Dalli Farrugia 
_______

Tiziana Dalli Farrugia

Lorraine, Kim u Debbie

L-Esperjenza tagħna tal-Erasmus+

F’Lulju li għadda kellna l-opportunità mill-isbaħ li nżuru Liżbona, il-Portugall, biex nattendu kors mill-Europass Teacher Academy li jġib l-isem ta’ Benesseri fin-Natura: Attivitajiet fil-Beraħ għas-Saħħa Mentali u Fiżika, iffinanzjat mill-Erasmus+. Fih, ingħaqadna ma’ parteċipanti minn pajjiżi differenti, bħal Spanja, il-Ġermanja, il-Latvja, ir-Repubblika Ċeka, il-Bulgarija u l-Irlanda. L-iktar li laqatna matul din l-esperjenza hija d-diversità fl-immersjoni ambjentali li tikkaratterizza ħafna mill-metodi edukattivi tal-iskejjel li pparteċipaw. Minkejja li l-pajsaġġ naturali ta’ malta huwa limitat, konna kburin li stajna naqsmu l-metodi innovattivi tagħna għall-integrazzjoni tan-natura fil-lezzjonijiet tagħna. Il-preżentazzjoni tagħna laqtet lill-grupp għax enfasizzat kif intejbu l-esperjenza ta’ tagħlim tal-istudenti tagħna billi neħduhom jitgħallmu fil-beraħ. Urejna fid-dettall kif, anke b’riżorsi naturali limitati, kapaċi noħolqu esperjenzi edukattivi olistiċi permezz ta’ attivitajiet prattiċi. Fil-fatt, wara l-preżentazzjoni ġejna avviċinati mill-parteċipanti Spanjoli li esprimew l-interess tagħhom biex iżuru l-iskola tagħna wara li kienu impressjonati bil-metodi ta’ tagħlim li naddottaw.

Aspett memorabbli wieħed tal-programm tagħna kien it-twettiq ta’ lezzjonijiet fuq bajja u f’ambjent sabiħ ta’ ġnien. Ambjenti bħal dawn jipprovdu sfond għal lezzjonijiet interessanti, informattivi u interattivi. L-użu ta’ karti ta’ attività differenti kien effettiv ħafna u qanqal diskussjonijiet waqt li ppromwova eżerċizzji ta’ benesseri fost il-parteċipanti preżenti. Minbarra s-suġġetti interessanti, il-kors kien jinkludi sessjonijiet li ħeġġewna nirriflettu fuq it-tkabbir personali tagħna u fuq il-bżonn li nerġgħu nibnu relazzjoni mal-għeruq tagħna. L-eżerċizzji u l-attivitajiet preżentati mill-għalliema tagħna, Beatriz, kienu versatili, u setgħu jiġu addattati għal livelli edukattivi varji biex hekk ikunu aċċessibbli u ta’ benefiċċju għall-parteċipanti kollha.

Żewġ oqsma oħra li ġibdu l-interess tagħna kienu l-mudell ta’ benesseri PERMA u Bijofilja. Il-mudell PERMA, li hija taqsira Ingliża għall-kunċetti tal-Emozzjoni Pożittiva, l-Impenn, ir-Relazzjonijiet, it-Tifsira u l-Kisba [Positive Emotion, Engagement, Relationships, Meaning, and Accomplishment], huwa qafas li jtejjeb il-benesseri individwali. Il-Bijofilja tirreferi għar-rabta intrinsika tal-bniedem man-natura, u d-disinn bijofiliku jintegra flimkien elementi naturali fl-ispazji tagħna sabiex jippromwovi ambjent aktar b’saħħtu u interessanti. Dawn il-kunċetti ispirawna biex nikkunsidraw ambjent ta’ klassi aktar ekoloġiku li jappoġġja l-benesseri ta’ wliedna.

B’mod ġenerali, l-esperjenza tagħna tal-Erasmus+ kienet ċelebrazzjoni ta’ skambju kulturali u innovazzjoni edukattiva. Urietna wkoll li anke f’ambjenti varji, metodi kreattivi u friski jistgħu jtejbu ħafna t-tagħlim li nagħtu u nirċievu.

Lorraine, Kim u Debbie
_______

Lorraine, Kim u Debbie

Sharlie Laferla

L-Esperjenza tiegħi tal-Erasmus+

F’Lulju ta’ din is-sena kelli l-pjaċir nattendi kors organizzat minn Ela – Erasmus Learning Academy, ġewwa Bolonja, l-Italja. Dan il-kors, iffinanzjat mill-UE, kien jismu L-Immaniġġjar Effettiv tal-Gruppi fl-Edukazzjoni: Il-Ħolqien ta’ Xogħol fi Gruppi fost l-Istudenti, u ffoka fuq waħda mill-iktar ħiliet personali mfittxija fis-suq tax-xogħol illum: il-ħidma fi gruppi. Peremzz ta’ lekċers interessanti, esplorajna għodod u strateġiji siewja fl-immaniġġjar u t-tmexxija tat-timijiet, u tgħallimna kif niggwidaw lill-istudenti f’ambjenti kollaborattivi.

Wieħed mill-iktar aspetti interessanti tal-kors kien il-fehim ta’ kif taħdem id-dinamika ta’ tim. Dħalna fid-dettall dwar kif nistgħu ngħinu lill-istudenti tagħna jaħdmu b’mod effettiv f’timijiet, kif nikkordinaw attivitajiet fi gruppi, u kif niggwidaw lill-istudenti bħala parti minn grupp kif ukoll bħala individwi. Dan il-kors ipprovdieli wkoll għarfien siewi dwar il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ attivitajiet orjentati lejn il-metodu ta’ tim fil-klassi.

Sessjoni partikolarment interessanti kienet dwar l-Edukazzjoni Emozzjonali fi gruppi, li fiha ipparteċipajna f’attivitajiet prattiċi mfassla biex jgħinu lill-istudenti jimmaniġġjaw l-emozzjonijiet tagħhom f’ambjent ta’ tim. Dawn l-eżerċizzji kienu prattiċi u addattabbli, u offrew metodi tad-dinja reali li issa nista’ nibda nħaddem fit-tagħlim tiegħi biex ngħin lill-istudenti jifhmu aħjar il-ħidma fi gruppi.

L-aktar importanti, il-kors enfasizza kif wieħed jista’ jgħallem lill-istudenti l-intriċċitajiet tax-xogħol fi grupp: kif tiddefinixxi l-miri komuni u individwali, kif tifhem irwoli differenti fi ħdan grupp, kif timmaniġġja l-kunflitti, u kif tibqa’ ffukat fuq l-objettiv finali. Din il-perspettiva kompliet issaħħaħli l-idea li kelli, jiġifieri l-idea li l-ħidma fi gruppi m’għandhiex x’jaqsam biss mal-kollaborazzjoni iżda wkoll mat-trawwim tal-għarfien personali kif ukoll mar-riżoluzzjoni tal-kunflitti.

L-esperjenza kompliet tissaħħaħ bil-preżenza ta’ għalliema oħra minn Spanja, il-Portugall, il-Greċja, Franza, il-Polonja u l-Ungerija. L-iskambju ta’ ideat u esperjenzi, kemm professjonalment kif ukoll personalment, kien ta’ sodisfazzjon kbir. Li smajt dwar il-prattiki u l-perspettivi edukattivi diversi tagħhom kompla jwessa’ l-fehim tiegħi dwar it-tagħlim f’kuntest internazzjonali.

Lil hinn min-naħa akkademika, il-kors offra wkoll esperjenza olistika. Beda mill-attendenza ta’ lekċeres interessanti li fihom tgħallimt ħafna, kompla bil-ħolqien ta’ relazzjonijiet dejjiema ma’ għalliema bħali minn madwar l-Ewropa, u laħaq il-qofol tiegħu bl-immersjoni tiegħi fil-kultura rikka ta’ Bolonja u l-irħula tal-madwar – kienet esperjenza li nirrakkomanda b’qalbi kollha lill-kollegi ħbieb tiegħi.

Fil-qosor, dan il-kors kien aktar minn sempliċiment żvilupp personali; kienet opportunità biex nikber kemm bħala edukatriċi kif ukoll bħala indivdwu.

Sharlie Laferla 
_______

Sharlie Laferla

Karin, Leanne u Rachel

Mindfulness għall-Għalliema: Approċċ Prattiku

F’Lulju li għadda, ipparteċipajna f’taħriġ tal-Erasmus+ f’Budapest, l-Ungerija. Il-kors, intitolat Mindfulness għall-Għalliema: Approċċ Prattiku, ingħata minn Tamara Schüszler u kien idur madwar il-prattika tal-mindfulness fir-rutina tagħna ta’ kuljum. Bħala edukaturi, għandna t-tendenza li nagħtu ħafna lil dawk ta’ madwarna u xi kultant ikollna bżonn “nimlew it-tazzi tagħna wkoll.” Il-kunċett tal-mindfulness jittratta l-bżonn li niffukaw fuq is-sentimenti u l-emozzjonijiet tagħna fil-preżent, u li nżommu l-kuxjenza tagħna ħajja (Hanh-Finch, 1987, p. 1). L-emozzjonijiet huma reazzjonijiet mentali li jqanqlu l-imġiba tagħna. madankollu, wieħed irid jifhem li l-emozzjonijiet huma intenzjonati biex jinħassu. L-emoazzjonijiet huma stati psikoloġiċi kumplessi li jinvolvu tliet komponenti distinti:

  1. Esperjenza suġġettiva: Hija l-esperjenza personali ta’ emozzjoni, bħall-emozzjoni ta’ ferħ, dwejjaq, biża’ jew rabja.
  2. Rispons fiżjoloġiku: Jinkludi r-reazzjonijiet fiżiċi għall-emozzjonijiet, bħaż-żieda fir-rata tal-qalb u l-għaraq.
  3. Rispons ta’ imġiba: Jittratta l-mod ta’ kif wieħed jesprimi l-emozzjonijiet tiegħu permezz tal-azzjonijiet jew l-imġiba, bħat-tbissim, il-biki u l-għajjat.

Il-mindfulness hija l-prattika li tagħti attenzjoni lill-mument preżenti b’mod li telimina kull ġudizzju tal-passat. Tinvolvi:

  • L-għarfien: Li tkun konxju tal-ħsibijiet, is-sentimenti, u s-sensazzjonijiet tiegħek.
  • L-aċċettazzjoni: Li tosserva l-esperjenzi mingħajr ma tipprova tbiddilhom jew tirreaġixxi b’mod impulsiv.

Il-fehim tal-interazzjoni bejn l-emozzjonijiet, ir-reazzjonijiet ta’ mġiba, u l-mindfulness huma kollha kruċjali għall-iżvilupp personali u s-saħħa mentali. Meta wieħed jesperjenza emozzjonijiet pożittivi, l-enfasi tkun usa’ u jseħħ żvilupp, filwaqt li b’emozzjonijiet negattivi l-enfasi tkun idjeq. Barra minn hekk, matul is-sessjonijiet għaddejna minn movimenti differenti tal-ġisem sabiex ninteraġixxu mal-persuna ta’ ġo fina. B’hekk, poġġejna t-teorija fil-prattika għax stajna nagħtu ċans lill-emozzjonijiet tagħna jiġu u jmorru. Wettaqna fil-prattika meditazzjoni ta’ mindfulness, eżerċizzji bis-swaba’ u nifsijiet profondi u konxji. Il-benefiċċji ta’ parttiki bħal dawn huma r-reżiljenza, it-tisħiħ tar-relazzjonijiet u t-tnaqqis fl-istress. Billi wieħed jikkultiva l-mindfulness tiegħu, jista’ jasal biex jifhem u jirregola aħjar l-emozzjonijiet tiegħu u jasal għal reazzjonijiet aħjar ta’ mġiba aktar adattabbli u kostruttiva. Approċċ olistiku bħal dan itejjeb il-benesseri ġenerali u l-intelliġenza emozzjonali. Barra minn hekk, edukatur konxju ta’ dawn joħloq ambjent kalm li jista’ jtejjeb b’mod sinifikanti l-kumdità u t-tagħlim tal-istudenti, waqt li jippermettilhom iħossuhom siguri, rilassanti u miftuħin għall-parteċipazzjoni fil-klassi. Din l-atmosfera pożittiva, b’mod ġenerali, tista’ trawwem komunikazzjoni aħjar, involviment akbar, u prestazzjoni mtejba.

Dan it-taħriġ tal-Erasmus tejjeb l-esperjenza tat-tagħlim tagħna bħala edukaturi għax konna involuti fil-materjal permezz ta’ diskussjonijiet u attivitajiet prattiċi. Li nisimgħu perspettivi differenti dwar l-implimentazzjoni tal-kurrikulu minn edukaturi madwar id-dinja huwa imprezzabbli, speċjalment meta nindirizzaw kwistjonijiet lil hinn mill-kontroll tagħna, bħall-isfond ta’ student, u l-ħila fiżika jew mentali tiegħu. Il-viżjoni u l-apprezzamrnt għar-rwol tagħna bħala Għalliema ta’ Għajnuna fit-Tagħlim (LSEs) kienu meraviljużi. Ir-rikonoxximent ta’ dawn il-persuni barranin żied il-motivazzjoni u s-sodisfazzjon tagħna f’xogħolna. Fl-aħħar mill-aħħar, dan ikompli jenfasizza l-importanza tal-kontribuzzjonijiet tagħna għall-ambjent edukattiv, hekk kif f’xogħolna nipprovdu appoġġ essenzjali lill-istudenti waqt li ngħinuhom jegħlbu l-isfidi tagħhom. Għalina dan huwa sinifikanti meta wieħed iqis li, f’xi pajjiżi, studenti bi bżonnijiet diversi mhumiex inklużi fir-rutina ta’ kuljum tal-iskola.

Dan it-taħriġ tal-Erasmus+ kien esperjenza pożittiva li offrietilna opportunità unika għal tkabbir personali u professjonali permezz ta’ kollaborazzjoni internazzjonali u skambju kulturali. Fih, il-parteċipanti jiksbu ħiliet ġodda, iwessgħu l-perspettivi tagħhom, u jiżviluppaw fehim aktar profond ta’ metodi edukattivi differenti. Lill-edukaturi sħabna nirrakkomandawlhom ħafna esperjenzi ta’ taħriġ mobbli bħal tal-Erasmus+ għax dan l-approċċ kollaborattiv ipprovdielna għarfien ġdid, strateġiji alternattivi, u appoġġ reċiproku. Kellna l-opportunità nsiru nafu kif jaħdmu edukaturi oħra fl-UE, jiġifieri fi Franza, Spanja u l-Litwanja u qabbilniehom mas-sistema edukattiva Maltija, waqt li ppruvajna nifhmu x’jaħdem għalihom u għaliex. Esperjenzi bħal dawn tawna għarfien ġdid dwar kif nistgħu ntejbu l-ħiliet tagħna bħala edukaturi għax skoprejna ideat li qatt ma ħsibna fihom. Dan l-iskambju kien reċiproku, peress li l-kontropartijiet tagħna kienu interessati jisimgħu dwar kif taħdem is-sistema edukattiva f’Malta. Dan l-iskambju ta’ ideat u esperjenzi kien eżerċizzju rikk u edukattiv ħafna għalina lkoll. Għenna nifhmu aħjar l-esperjenzi kulturali diversi u nsibu modi effettivi biex nappoġġjaw lill-istudenti tagħna, filwaqt li niżguraw li l-bżonnijiet tagħhom ikunu sodisfatti b’mod komprensiv u olistiku kemm jista’ jkun. Ġeneralment, it-taħriġ tal-Erasmus+ kien esperjenza sodisfaċenti li minnha aħna, bħala parteċipanti fiha, ibbenefikajna ħafna personalment u professjonalment.

Karin Micallef, Leanne Dimech Chetcuti u Rachel Gatt
_______

Karin, Leanne u Rachel

Moira Saliba

L-Esperjenza tal-Erasmus+ fil-Europass Teacher Academy ġewwa Dublin, l-Irlanda

Dan l-aħħar kelli l-opportunità nattendi kors ta’ taħriġ interessanti ħafna dwar kif tapplika l-ħiliet tat-tmexxija u l-immaniġġjar biex timmotiva u tiggwida b’suċċess lil ħaddieħor fl-iskola. Għażilt dan il-kors għax kien iddisinjat għall-mexxejja tal-iskejjel li qed ifittxu jifhmu u jtejbu l-ħiliet personali tagħhom filwaqt li jsiru aktar effettivi fir-rwoli tagħhom bħala mexxejje tal-komunità edukattiva fejn jaħdmu.

Minbarra li konna involuti f’diversi attivitajiet u diskussjonijiet, l-għan tal-grupp kien li jiżviluppa l-ħiliet tat-tmexxija tiegħu, inkluż il-komunikazzjoni, is-soluzzjonijiet tal-problemi, il-kollaborazzjoni u l-immaniġġjar tal-bidla f’kuntest ta’ tmexxija ta’ skola. Dawn il-ħiliet huma kruċjali għal kwalunkwe mexxej, b’mod speċjali f’ambjent skolastiku fejn l-addabbilità u l-komunikazzjoni ċara jistgħu jagħmlu d-differenza kollha.

Is-Sur Robert Schwamborn kien dak li tana l-kors, raġel imħejji ħafna, u għen mhux ftit biex itejjeb ir-relazzjoni tagħna mal-edukaturi u l-mexxejja involuti, nies minn pajjiżi differenti, fosthom Malta, l-Iżvezja u l-Polonja.  Iddiskutejna l-prattiki fl-iskejjel, humiex simili jew differenti fil-pajjiżi u l-kulturi tagħna, waqt li qsamna l-aħjar metodi u ksibna perspettivi ġodda dwar it-tmexxija edukattiva.

Waqt li ffokajna fuq ir-rwol tal-innovazzjoni fit-tmexxija edukattiva permezz ta’ diversi mudelli ta’ tmexxija u prattiki ta’ immaniġġjar, bħall-KASAB u SPRINT, aħna bħala parteċipanti ddiskutejna kif nistgħu napplikaw il-ħiliet ġodda li akkwistajna biex immexxu l-bidla u ntejbu l-kwalità tat-tagħlim mill-persepttiva tal-istudent, l-għalliem u l-prinċipal.

Permezz ta’ attivitajiet ta’ riflessjoni kellna l-opportunità naħdmu fuq l-istili ta’ tmexxija tagħna stess u li nidentifikaw fihom partijiet li nistgħu ntejbu.

F’kull riżultat tat-tagħlim ippjanat, bħala mexxejja tal-iskejjel, żammejna f’moħħna t-trawwim u l-iżvilupp ta’ ħiliet personali bħala l-missjoni tagħna biex nispiraw lil ħaddieħor (studenti u għalliema) u ngħinuhom jemmnu fihom infushom u jiksbu suċċess.

Lejn tmiem il-ġimgħa, il-grupp irrifletta fuq il-ħolqien ta’ pjan ta’ azzjoni biex itejjeb il-ħiliet ta’ tmexxija u jimplimenta ideat innovattivi. Kienet ġimgħa pożittiva u sodisfaċenti ħafna fejn ħdimt ma’ nies oħra u fhimt l-importanza tal-ħiliet personali fit-tmexxija edukattiva filwaqt li żviluppajt il-ħiliet u l-għarfien meħtieġ biex insir aktar effettiva fir-rwol tiegħi.

Moira Saliba
_______

Moira Saliba

Diandra Barberi

L-Esperjenza tiegħi tal-Erasmus+

Aktar kmieni din is-sena kelli l-opportunità nattendi l-kors Il-Promozzjoni tal-Kreattività, il-Ħsieb Kritiku u s-Soluzzjonijiet tal-Problemi fil-Klassi, organizzat ġewwa Palermo minn Ela – Erasmus Leaning Academy, u ffinanzjat mill-UE. Il-grupp tiegħi kien magħmul minn għalliema mill-Ungerija, il-Belġju, l-Estonja u Malta. Il-kors kien informattiv ħafna għax, minbarra li tani ċ-ċans nibni relazzjonijiet ma’ għaliema oħra tal-UE, ippermetta wkoll ħin u spazju biex ilkoll naqsmu l-prattiċi tagħna.

Matul il-kors stajna nużaw u nittestjaw varjetà ta’ għodod diġitali li jistgħu jiġu applikati matul il-lezzjonijiet tagħna u dħalna f’teoriji differenti li jinvolvu l-kreattività u l-ħsieb kritiku, speċjalment il-ħsieb laterali ta’ Edward DeBono u l-kpiepel tal-ħsieb tiegħu, kif ukoll lil Graham Wallas u l-ħames stadji tal-proċess kreattiv.

Dan il-kors kien rilevanti ħafna u għenni nerġa’ naħseb, inkun iżjed prattika, nirrifletti u noħroġ il-kreattività tiegħi fil-mod kif inħares u nipperċepixxi l-affarijiet ta’ madwari. Kompla jkabbar il-ħiliet tiegħi fit-tagħlim kif ukoll fis-soluzzjonijiet tal-problemi li kollha jistgħu jiġu applikati lil hinn mill-ambjent tal-klassi.

Diandra Barberi
_______

Diandra Barberi

Lorraine Attard

L-Immaniġġjar Effettiv tal-Gruppi fl-Edukazzjoni: Il-Ħolqien ta’ Xogħol fi Gruppi fost l-Istudenti

Bejn it-2 u d-9 ta’ Settembru 2023, attendejt kors bl-isem L-Immaniġġjar Effettiv tal-Gruppi fl-Edukazzjoni: Il-Ħolqien ta’ Xogħol fi Gruppi fost l-Istudenti li sar ġewwa Tenerife. Il-parteċipanti ġew minn madwar l-Ewropa – Armando, Romeo, Elena, Raffaela u Chiara minn Ancona, l-Italja, Monika mir-Repubblika Ċeka, u Valijs u Randa mil-Latvija. Matul dan il-kors, li kellu enfasi qawwija fuq it-taħriġ u l-intelliġenza emozzjonali, iddiskutejna r-rwol tradizzjonali tal-għalliem bit-trażmissjoni tal-għarfien u l-iffaċilitar tal-iżilvupp tal-ħiliet fl-istudenti f’kuntrast mal-kowċing. Il-kowċ huwa inkarigat li jappoġġja u jimmotiva lilll-istudenti tiegħu permezz ta’ smigħ attiv, mistoqsijiet, u l-ħolqien ta’ sfidi. Filwaqt li dawn ir-rwoli jistgħu jidhru distinti minn xulxin, l-għan kien li l-għalliem ikun jista’ jsib modi kif jintegra l-prinċipji tal-kowċing fil-klassi, isir edukatur u motivatur, filwaqt li jippromwovi immaniġġjar aktar effettiv tal-gruppi u ħidma fi grupp akbar.

Il-kors beda bil-parti Nikkowċjaw Lilna Nfusna. Esplorajna l-ħiliet tagħna stess u vverifikajna liema oqsma tal-ħajja personali u professjonali tagħna jeħtieġu l-aktar attenzjoni fil-mument ta’ issa sabiex nistabbilixxu għan.

Imbagħad għaddejna għal esplorazzjoni tal-Intelliġenza Emozzjonali, li tirreferi għall-kapaċità li nagħrfu l-emozzjonijiet tagħna u dawk ta’ ħaddieħor. Dan l-għarfien jippermetti lill-għalliem jistabbilixxi rabta aħjar mal-istudenti u jgħinhom jimmaniġġjaw is-sentimenti tagħhom b’mod effettiv.

Il-kowċing jinvolvi l-ispirazzjoni u l-gwida tal-individwi biex isiru l-aħjar verżjoni tagħhom infushom. Biex intejbu l-abbiltajiet tagħna ta’ kowċing, dħalna fil-kunċett li nistabbilixxu l-miri SMART. Ġejna inkarigati niddefinixxu miri SMART għalina nfusna. Aktar tard, bl-użu tal-mudell GROW, ippruvajna nagħmlu l-ewwel sessjoni ta’ kowċing tagħna biex b’hekk nifhmu verament kif jaħdem.

Bħala kowċis, ir-rwol tagħna huwa li niffaċilitaw id-djalogu u nappoġġjaw lill-istudenti biex isibu s-soluzzjonijiet tagħhom. Huwa kruċjali li dak li jkun jinnota li l-funzjoni ta’ kowċ mhijiex li jimponi soluzzjonijiet iżda li jiggwida l-analiżi tal-kunflitt, jgħin fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u jevalwa l-imġiba. Matul din il-ġimgħa ta’ taħriġ kellna l-opportunità naqsmu l-esperjenzi kollettivi tagħna u niġbdu għarfien mill-isfondi kulturali differenti tagħna. Irfinajna l-ħiliet tagħna fil-ħolqien tal-gruppi u l-kowċing, u skoprejna modi prattiċi biex napplikawhom b’mod effettiv fil-klassijiet tagħna. Ninsab grata ħafna għal din l-opportunità notevoli u ninkoraġġixxi lill-oħrajn biex isibu korsijiet simili f’qasam li huma interessati fih.

Lorraine Attard
_______

Lorraine Attard

Rayana, Tracy u Andrea

L-Għalliema tal-Kindergarten Jilagħbu biex Jitgħallmu aktar

Aktar kmieni dan ix-xahar kellna l-opportunità nattendu kors ta’ taħriġ, iffinanzjat kompletament mill-Erasmus+ ma’ Smart Teachers Play More, ġewwa Reykjavik, l-Iżlanda. Matul din il-ġimgħa kellna varjetà ta’ attivitajiet ippjanati għalina li fihom ipparteċipajna b’mod dirett. Il-kors iffoka fuq diversi suġġetti, bħar-rakkont tal-istejjer u t-tagħlim permezz tal-logħob, il-mindfulness, u l-yoga għat-tfal. Kien hemm diversi korsijiet ta’ ostakli, logħob u attivitajiet varji ta’ moviment li huma prattiċi u faċli biex ikunu implimentati fil-klassijiet tagħna. Kellna wkoll iċ-ċans naqsmu l-prattiki tajbin tagħna ma’ għalliema oħra u nisimgħu l-modi tagħhom dwar kif huma jimplimentaw il-moviment u d-divertiment fil-klassi. F’okkażjoni oħra, l-ospitu organizza lejla kulturali li fiha kulħadd ġab xi ħaġa tal-ikel minn pajjiżu stess. Kellna wkoll l-opportunità li nżuru waħda mill-iskejjel tal-gvern tagħhom, Dalskoli, li kienet tvarja mill-kindergarten sal-iskola sekondarja. Ingħatajna ħin biex nesploraw l-iskola, insiru nafu iżjed dwar il-faċilitajiet li jużaw, l-iskedi tal-ħin u l-kurrikulu tagħhom. Kienet opportunità mill-isbaħ li ispiratna u tatna ideat tajbin għall-prattika tagħna ta’ kuljum.

Rayana, Tracy u Andrea
_______

Rayana, Tracy u Andrea

Emilia u Louise

Erasmus Learn – Kors ta’ Edukazzjoni Ambjentali, Heraklion, Kreta, Ġunju 2023

Dan l-aħħar kellna l-privileġġ nattendu għall-kors tal-Erasmus+ dwar l-edukazzjoni ambjentali f’Heraklion, Kreta. Din l-esperjenza kienet tassew informattiva.

Il-kors kien jiffoka fuq l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u pprovda taħlita unika ta’ tagħlim u esplorazzjoni. Fetħilna għajnejna għall-kwistjonijiet globali bħat-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, u l-enerġija nadifa filwaqt li offrielna ċ-ċans li napprezzaw il-pajsaġġ sabiħ ta’ Kreta.

Dan il-vjaġġ ma kienx biss edukattiv iżda kien ukoll opportunità ta’ tkabbir personali u professjonali. Għaqqadna flimkien b’għarfien u ħiliet essenzjali u rawwem fina l-passjoni għall-konservazzjoni ambjentali. Skoprejna perspettivi ġodda dwar is-sostenibbiltà u ksibna fehim aktar profond tar-responsabbiltà tagħna lejn il-pjaneta. Dan il-kors kien mgħammar ukoll bl-għarfien u l-ħiliet biex inkunu ċittadini globali aktar infurmati u ta’ kuxjenza, waqt li għenna nikkontribwixxu għal futur isbaħ. Ir-relazzjonijiet internazzjonali li għamilna ma’ parteċipanti sħabna wkoll kienu imprezzabbli.

Issa ninsabu ispirati li nkomplu l-vjaġġ ambjentali tagħna u ninkoraġġixxu lill-oħrajn biex ifittxu programmi u opportunitajiet simili.

Emilia u Louise
_______

Emilia u Louise

Jasmine, Monica u Connie

L-Esperjenza tal-Erasmus – Nizza, Franza – 11-16/09/2023

Il-vjaġġ tagħna tal-Erasmus+ ġewwa Nizza, Franza, mill-11 sas-16 ta’ Settembru, kien esperjenza straordinarja u rikka li fiha, grazzi għall-finanzjament tal-UE, jien, Monica u Jasmine kellna l-opportunità u l-privileġġi nipparteċipaw fi programm tal-Europass Teacher Academy li jismu Taħriġ tal-Ħajja għal Għalliema Ferħanin: Għalliema Ferħanin għal Studenti Aħjar.

Din l-opportunità ġabitna f’kuntatt ma’ edukaturi oħra minn madwar id-dinja, inkluż il-Ġappun, il-Greċja, Spanja, il-Finlandja u l-Ungerija. L-interazzjoni ma’ grupp ta’ għalliema daqshekk divers kienet esperejnza li fetħitilna għajnejna u ppermettietilna niksbu għarfien aħjar dwar metodi ta’ tagħlim, kulturi u sistemi edukattivi differenti. Dan it-taħriġ kien taħlita komprensiva ta’ attivitajiet u strateġiji ppruvati xjentifikament u ddisinjati biex itejbu diversi aspetti ta’ ħajjitna. Iffukajna fuq il-kunċett tal-mindfulness billi tajna prijorità l-importanza tad-dixxiplina u r-rispett għalina nfusna u għall-istudenti tagħna. Dawn id-diskussjonijiet koprew il-benesseri mentali, fiżiku u emozzjonali, kif ukoll strateġiji biex nibnu relazzjoni ma’ kollegi li joffrulna sfida. L-iżvilupp personali u professjonali tagħna tjieb aktar hekk kif esplorajna l-punti sodi tagħna u tgħallimna kif għandna nimmaniġġjaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata – bilanċ iggwidat mill-kunċett tal-“platt ta’ moħħ b’saħħtu”. Irriflettejna wkoll b’eżami tal-emozzjonijet u l-valuri tagħna li għenna nidentifikaw x’verament huwa importanti għalina individwalment. L-istrateġiji għas-soluzzjonijiet tal-problemi kienu parti integrali mit-taħriġ u tawna l-għodod meħtieġa biex inkunu nistgħu nindirizzaw l-isfidi li niffaċċjaw b’mod kreattiv u effettiv. Barra minn hekk, ksibna għarfien dwar l-importanza li, fil-ħajja professjonali tagħna, inżommu mal-protokoll. Madankollu, din l-esperjenza kienet aktar minn sempliċiment kurrikulari. Kienet opportunità biex noħolqu rabtiet dejjiema ma’ edukaturi minn madwar id-dinja u tatna ċ-ċans nitgħallmu dwar il-kulturi uniċi tagħhom, l-iskejjel, il-ferħ u d-diffikultajiet li jiffaċċjaw fl-ambjenti edukattivi li jgħixu fihom.

Fil-qosor, iż-żmien tagħna fil-Europass Teacher Academy ġewwa Nizza, mhux biss kien ta’ benefiċċju edukattiv imma wkoll opportunità mill-isbaħ biex inwessgħu l-orizzonti tagħna u nibnu network globali ma’ edukaturi sħabna. Il-ħiliet u l-għarfien miksuba tul dan it-taħriġ, bla dubju, se jkomplu jsawru l-ħajja personali u professjonali tagħna filwaqt jiddefinixxu din l-esperjenza bħala waħda tassew memorabbli.

Jasmine, Monica u Connie 
_______

 

Jasmine, Monica u Connie

Mariella Zahra

Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklużiva

L-Esperjenza Taljana dwar kif Tingħeleb is-Segregazzjoni

Bejn is-26 ta’ Novembru u t-2 ta’ Diċembru 2023 kelli l-opportunità u l-privileġġ ningħaqad ma’ grupp ta’ edukaturi oħra mis-Serbja, il-Kroazja, Spanja u Għawdex, ġewwa Bolonja, l-Italja, biex nipparteċipaw flimkien għal taħriġ tal-Erasmus+, iffinanzjat mill-UE.

Bdejna billi koprejna l-prinċipji ewlenin, il-benefiċċji u l-valuri tal-edukazzjoni inklużiva u wara komplejna nittrattaw il-mudell Taljan ta’ edukazzjoni inklużiva fil-mod kif tingħeleb is-segregazzjoni u tissaħħaħ l-inklużjoni ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali fl-edukazzjoni tal-massa. Kellna wkoll l-opportunità niddiskutu n-naħa prattika ta’ dan il-mudell ma’ għalliema ta’ għajnuna Taljani u nidħlu fil-fond tal-isfidi li l-edukaturi tagħna jiffaċċjaw ta’ kuljum meta jiġu biex jinfurzaw l-inklużjoni għal kulħadd. Il-kors inkluda żjara fi skola sekondarja Taljana fejn stajna nosservaw it-tagħlim fi klassijiet “imħallta” tal-massa. Il-kors ingħata b’tant passjoni minn raġel li, mhux biss ilu jappoġġja u jagħti korsijiet simili għal għaxar snin, iżda huwa wkoll missier ta’ tifel b’diżabbiltà. Għalhekk, kien f’pożizzjoni ideali biex jagħtina l-esperjenza personali tiegħu bħala ġenitur f’ambjent ta’ edukazzjoni inklużiva.
Kienet esperjenza rikka ħafna għax tatni ċ-ċans nirrifletti fuq il-metodi professjonali tiegħi u nqabbel l-istess prattiki ma’ dawk li jitħaddmu f’pajjiżi oħra. Tatni wkoll xenarju ideali biex nisfrutta s-sabiħ tal-esperjenzi ta’ edukaturi oħra bħali.

Mariella Zahra
_______

 

Mariella Zahra